I.S.S.A. –Insaħħu l-iSkola bi Studenti Attivi

Id-Dipartiment tal-iStudji Soċjali fi ħdan id-Direttorat għall-Programmi ta’ Tagħlim u Assessjar qed jerġa’ jikkollabora ma’ Aġenzija Żgħażagħ biex jorganizza sessjonijiet għall-istudenti tal-iskejjel medji u sekondarji. It-tema ta’ din s-sena hija ‘Ċittadinanza Attiva’ u s-suġġetti magħżula jagħmlu parti mis-sillabu tal-iStudji Soċjali u l-iStudji Ewropej.


It-8 Sena: Demokrazija I.S.S.A.
Id-9 Sena: Nikkontribwixxi I.S.S.A.
L-10 Sena: Kif Naħsibha I.S.S.A.
Il-11-il Sena: Nivvota I.S.S.A.

Dawn is-sessjonijiet se jibdew f’Novembru 2022 u tingħata preferenza lil min jibbukkja kmieni. L-iskejjel għandhom jappuntaw persuna (jinkludu d-dettalji fl-applikazzjoni) ħalli l-Aġenzija Żgħażagħ tikkomunika mal-persuna indikata biex isiru l-arranġamenti meħtieġa. Il-bookings jistgħu isiru fuq din il-link – I.S.S.A – Insaħħu l-iskola bi studenti attivi (office.com) L-Aġenzija Żgħażagħ se tikkuntattja lill-persuna indikata tlett ijiem qabel il-booking biex jiġu kkonfermati l-arranġamenti meħtieġa. Wieħed jista’ jsib iktar informazzjoni fil-fuljett minn din ilħolqa https://fliphtml5.com/rqmms/ihqp.

Attivita’ tal-Istudji Soċjali għar-Raba’ Sena fil-Primarja

Elaine Zammit, għalliema tal-istudji soċjali, ippreparat din ir-riżorsa għal dawk it-tfal li bħalissa jinsabu id-dar minħabba l-egħluq tal-iskejjel. Dan il-kwizz huwa ideali għal studenti tar-raba’ sena primarja fejn permezz tiegħu l-istudenti jsiru jafu iktar dwar il-postijiet tal-gżejjer Maltin. Din ir-riżorsa hija ideali biex l-istudenti jilħqu l-mira tat-tagħlim Ġ4.1.2 Nesploraw il-pożizzjoni ġeografika ta’ xi bliet u rħula Maltin u Għawdxin.

L-ewwel jistgħu jibdew billi jaraw dan il-filmat fejn jagħti ħarsa fuq diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex:

 

Il-kwizz jagħti l-opportunita’ lill-istudenti biex ikabbru l-għarfien tagħhom dwar il-karatteristiċi ta’ bosta bliet u rħula f’Malta u Għawdex. L-istampi jgħinu lill-istudenti biex jabbinawhom mal-mistoqsija, u fl-istess ħin ikun hemm ċans li l-istudenti jgħarfu l-postijiet jekk ikunu diġa marru fihom. Il-kwiżż jista’ jiġi repetut iktar minn darba u huwa mod alternattiv kif wieħed jista’ jirrevedi l-materjal li sar fil-klassi b’mod iktar interattiv u li jappella għall-istudenti. Din hija il-link u importanti li wieħed jagħfas fuq Solo Practice biex ikun jista’ jintlagħab:

https://quizizz.com/admin/quiz/5e82e5f824e773001b76b050

Mistoqsijiet li jistgħu jakkumpanjaw din l-attivita’:

-Ġieli mort fil-postijiet msemmija?  X’laqtek?
-Taf issemmi postijiet oħra f’Malta u Għawdex u għalfejn huma msemmijin?
-Jekk ikollok diffikulta’ biex tkun taf post fejn jinsab, taf x’tista’ tuża’ biex jgħinek issib ir-risposta?

F’dan il-każ wieħed jista’ jsemmi u juri fil-prattika l-użu ta’ Google maps. Permezz ta’ din l-għodda wieħed jista’ jesperimenta iktar filwaqt li jitgħallem u jsir iktar familjari fejn jinsabu diversi postijiet fil-gżejjer Maltin.