Sessjonijiet Virtwali għall-Istudenti tal-Lingwi

Id-Dipartiment tal-Lingwi Barranin se jorganizza serje ta’ sessjonijiet virtwali lil studenti tal-lingwi tas-7 u t-8 Sena li huma nteressati li jużaw il-lingwi b’mod aktar attiv u li lesti li jiskopru dwar lingwi differenti minn dawk li huma familjari magħhom. L-istudenti li għandhom għal qalbhom xi lingwa jew oħra huma għalhekk imħajra li jinagħqdu ma’ studenti li jitgħallmu lingwi differenti u jattendu għal serje ta’ webinars marbutin mal-lingwi. Dawn il-webinars ser jittrattaw aspetti dwar il-lingwa, l-kultura, l-użu u t-tagħlim tal-lingwa u jipproponu attivitajiet li bihom l-istudenti jistgħu jużaw jew ikabbru l-għarfien tagħhom fil-lingwa barranija partikolari li tkun qed tiġi ppreżentata lilhom. Ser ikun hemm sessjonijiet fuq iċ-Ċiniż, il-Franċiż, il- Ġermaniz, l-Għarbi, it-Taljan u l-Ispanjol, kif ukoll xi lingwi oħra li ma’ jiġux mgħallma fl-iskejjel.

Fis-sessjonijiet l-istudenti ser ikollhom ċans jiżviluppaw ħiliet plurilingwi u jieħdu sehem f’attivitajiet diversi permezz tas-sessjonijiet offruti lilhom. Is-sessjonijiet se jsiru kull nhar ta’ Tnejn, jibdew fit-22 ta’ Novembru 2021, bejn l-4:00 u l-5:00, fuq MS Teams. Wieħed mitlub ġentilment japplika hawn: https://forms.office.com/r/APXYrTEjy6. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jikteb fuq foreignlanguages@ilearn.edu.mt jew iċempel fuq 25982902.