Il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol taħt id-direzzjoni tal-Gvern ħa l-miżura preventiva billi l-istituzzjonijiet edukattivi miċ-Childcare centres sal-istituzzjonijiet terzjarji bħall-Università ta’ Malta u l-MCAST ser ikunu qed jingħalqu minn għada l-Ġimgħa, 13 ta’ Marzu sal-Ġimgħa, 20 ta’ Marzu 2020. Dawn mhumiex jiem ta’ vaganzi u l-Ministeru jibqa’ jħeġġeġ lill-istudenti biex jibqgħu jaqraw u jistudjaw, waqt li jirringrazzja lill-gradi kollha tal-għalliema għas-sehem li ser ikunu qed jagħtu. Bi qbil mal-Malta Union of Teachers, il-gradi tal-għalliema, il-gradi fis-servizzi ta’ sapport għall-istudenti u t-tekniċi tal-laboratorji mhux se joperaw mill-iskejjel matul il-perjodu fejn liskejjel qed ikunu magħluqin temporanjament fiċ-ċirkostanza li ġabet COVID-19. Impjegati li jaħdmu fl-iskejjel statali bħall-iskrivani u staff anċillari, għandhom jibqgħu jirrapportaw għax-xogħol fl-iskola sakemm ma jkunx hemm aġġornamenti oħra. Hekk xogħol ta’ tindif u manutenzjoni meħtieġ ser jibqa’ għaddej fl-iskejjel ukoll. Fiċ-ċirkostanza fejn l-iskejjel ser ikunu magħluqin temporanjament, inħatar Working Group biex jiddiskuti u jressaq rakkomandazzjonijiet b’rabta mal-kurrikulu u jressaq proposti dwar ittagħlim onlajn b’mod realistiku, prattiku u effettiv biex it-tagħlim, dejjem fiċ-ċirkostanzi kurrenti, ma jitwaqqafx.